Facebook Instagram

Il-Climate Action Authority tippubblika Pre Market Consultation għal infrastruttura ta’ ċċarġjar ta’ vetturi elettriċi bl-użu arbli tad-dawl eżistenti

January 14, 2026

Il-Climate Action Authority tippubblika Pre Market Consultation għal infrastruttura ta’ ċċarġjar ta’ vetturi elettriċi bl-użu arbli tad-dawl eżistenti

Il-Climate Action Authority ippubblikat Pre Market Consultation biex tevalwa l-interess mis-settur privat li jieħu sehem fl-implimentazzjoni ta’ infrastruttura ġdida ta’ ċċarġjar ta’ vetturi elettriċi.

L-għan ta’ dan il-proġett li qed jiġi kkoordinat mal-Enemalta huwa li jintużaw arbli tad-dawl eżistenti magħżula strateġikament għall- iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi.

Il-CAA għandha l-ħsieb li tibda l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett b’ mod pilota u qed tikkonsulta ma’ diversi kunsilli lokali biex jieħdu sehem. Il-proċess ta’ implimentazzjoni se jiġi gwidat ukoll minn studji ta’ fattibbiltà teknika biex jiġu identifikati l-postijiet fuq kriterji ta’ sigurtà, aċċessibbiltà, u n-netwerk. Il-PMC ippubblikata hija maħsuba biex tevalwa l-interess mis-settur privat li jieħu sehem fl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett u d-dettalji tekniċi huma ppubblikati fuq is-siti elettroniċi tal-CAA u d-Dipartiment tal-Kuntratti (PMC Nru. PMC/01/26)

Din il-PMC tappoġġja l-inizjattivi tal-CAA biex tippromwovi t-tranżizzjoni ta’ Malta lejn mobbiltà sostenibbli u nadifa. B’dan il-proġett jiżdiedu l-postijiet ta’ ċċarġjar għal karozzi tal-elettriku fejn l-elettriku jkun provdut b’rata kkontrollata u għalhekk hija infrastruttura partikolarment adattata għal postijiet fejn il-vetturi jkunu pparkjati għal perjodi twal.

Il-pjan huwa li dawn iċ-ċargers, magħrufa ahjar bħala trickle chargers, ikunu fuq arbli tad-dawl magħżula f’żoni pubbliċi residenzjali u postijiet oħra ewlenin fejn il-vetturi spiss ikunu pparkjati għal ħin twil.

L-użu tal-infrastruttura elettrika diġa’ eżistenti tfisser ukoll li l-cables meħtieġa huma diġà installati fl-arbli tad-dawl eżistenti, u b’hekk jeliminaw il-ħtieġa għal xogħlijiet infrastrutturali supplimentari oħra bħal tħaffir tat-trinek jew konnessjonijiet ġodda mal-grid tal-elettriku. Dan jiffaċilita l-proġett li meta jibda jkun jista’ jitwettaq b’iktar effiċjenza u jkun ukoll effettiv mill-lat ta’ investiment meħtieġ għall-infrastruttura. Fl-istess ħin jimminimizza l-inkonvenjent, l-impatt viżiv, u l-effetti ambjentali.

Filwaqt li kkummentat dwar it-tnedija ta’ din il-PMC, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima, l-Inġ Abigail Cutajar, qalet li: “Din l-inizjattiva tfittex li ssaħħaħ il-mobilità elettrika billi ttejjeb l-aċċess għal faċilitajiet ta’ ċċarġjar fil-komunitajiet u żoni komuni. Hija wkoll sejħa li tikkonferma l-impenn fl-isforzi kontinwi ta’ Malta biex tkompli bl-eletrifikazzjoni tat-trasport u hija parti mil-għan tal-CAA li tuża b’mod aqwa r-riżorsi eżistenti filwaqt li tinkoraġġixxi proġetti li jgħaqdu s-settur privat, entitajiet pubbliċi, u l-komunità.”

02 Newsletter

Join the way, and get
the latest updates.