Ftehim bejn bejn l-Awtorità għall-Azzjoni Klimatika (CAA) u l-Università ta’ Malta (UM) wasslet għat-tnedija ta’ Premju Post-Gradwatorju ġdid fir-Riskju Finanzjarju Klimatiku, li se jkun disponibbli mis-sena akkademika li jmiss. Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tas-CAA biex issaħħaħ l-għarfien, l-edukazzjoni u r-reżiljenza f’Malta permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet ewlenin.
F’kumment dwar il-programm, il-Kap Eżekuttiv tas-CAA, Abigail Cutajar, qalet: “Illum ninsabu kburin li qed inħabbru dan il-programm ta’ postgradwazzjoni ġdid fir-Riskju Finanzjarju Klimatiku fi sħubija mal-Università ta’ Malta. L-azzjoni dwar il-klima trid tkun infurmata, strateġika u tħares ‘il quddiem, u dan il-kors huwa pass importanti ieħor lejn dan l-għan. Din il-kollaborazzjoni tirrifletti wkoll il-fiduċja u l-kooperazzjoni b’saħħithom li qed jinbnew bejn l-Awtorità u l-Università.”
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Alfred J Vella, laqa’ din is-sħubija u enfasizza l-importanza li l-università tgħin l-industrija u tipprovdi moduli speċjalizzati li joffru lill-professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam l-opportunità li jkomplu jsaħħu l-kompetenzi tagħhom.
Id-dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, Management u Accountancy, Simon Grima, żied jgħid: “Dan l-kors ta’ postgradwazzjoni jirrifletti l-impenn tal-Università ta’ Malta biex tindirizza sfidi globali emerġenti permezz ta’ edukazzjoni applikata u interdixxiplinarja. Ir-riskju finanzjarju klimatiku issa sar tħassib strateġiku ewlieni għal organizzazzjonijiet fis-setturi kollha. Permezz ta’ dan il-programm, għandna l-għan li nipprovdu lill-professjonisti bl-għodod analitiċi u oqsma tal-immaniġġjar tar-riskju meħtieġa biex jintegraw il-kunsiderazzjonijiet klimatiċi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u fil-governanza, filwaqt li nappoġġjaw t-tranżizzjoni ta’ Malta lejn ekonomija aktar reżiljenti u sostenibbli.”
Dr Jonathan Spiteri stqarr: “Żviluppajna dan l-kors biex nwasslu kunċetti kumplessi ta’ riskju finanzjarju klimatiku f’għarfien prattiku li l-professjonisti jistgħu japplikaw fir-rwoli tagħhom ta’ kuljum. Il-programm huwa mfassal biex jgħin lill-parteċipanti jantiċipaw ir-riskji, jidentifikaw opportunitajiet, u jikkontribwixxu għall-futur sostenibbli ta’ Malta.”
Dan il-programm prattiku se jipprovdi lill-parteċipanti bil-ħiliet u l-għodod meħtieġa biex jifhmu kif it-tibdil fil-klima jaffettwa x-xenarju tan-negozju u dak soċjali f’Malta, filwaqt li joffri b’mod prattiku l-immaniġġjar tar-riskji u l-opportunitajiet relatati mal-klima. Mogħti minn akkademiċi u prattikanti ewlenin fuq medda ta’ Ġimgħa, il-kors huwa skedat li jibda f’Ottubru 2026.
It-temi li se jiġu koperti jinkludu l-impatti ekonomiċi, soċjali u tan-negozju tat-tibdil fil-klima, it-tipoloġiji tar-riskju klimatiku, l-immaniġġjar strateġiku tar-riskju klimatiku, il-mitigazzjoni u l-adattament, ir-regolamentazzjoni klimatika, l-għodod tal-finanzi klimatiċi, u l-ippjanar għat-tranżizzjoni klimatika.
