In-netwerk pubbliku ta’ ċċarġjar għall-vetturi elettriċi f’Malta kiber għal 558 punt ta’ ċċarġjar, wara ż-żieda ta’ 150 punt ġdid mill-Climate Action Authority. Żieda ta’ kważi 40% inkisbet fi ftit xhur biss.
Mill-150 punt ġdid, 100 kienu parti mill-infrastruttura ta’ ċċarġjar li kienet tal-kumpanija GoTo, li kienet waqfet tintuża wara li l-kumpanija waqfet topera. Ir-responsabbiltà għal din l-infrastruttura għaddiet għand il-Climate Action Authority fl-aħħar xhur, u l-awtorità ħadmet minnufih biex terġa’ ddaħħal dawn il-punti tal-iċċarġjar fis-servizz. Ma’ din il-ħidma ġew installati wkoll 50 punt ta’ ċċarġjar ġdid ieħor, kompletament ġodda. Il-punti l-ġodda huma mifruxa fuq 33 lokalità, fir-reġjuni kollha u fuq iż-żewġ gżejjer.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority, l-Inġ. Abigail Cutajar, qalet li din iż-żieda tindirizza direttament ħtieġa li kienet qed tinħass minn sewwieqa ta’ vetturi elettriċi madwar il-pajjiż.
“Dan hu riżultat konkret wara li ftit xhur ilu ħadna f’idejna din l-infrastruttura. Dak li ħadna kien netwerk li kien jappartjeni lil kumpanija privata u kien waqaf jintuża. Kien hemm ħafna ħidma teknika u loġistika meħtieġa biex nerġgħu ndaħħluh fis-servizz, u bdejna din il-ħidma minnufih hekk kif ir-responsabbiltà għaddiet għandna. Dejjem aktar nies qed jagħżlu vetturi elettriċi, megħjuna wkoll mill-inċentivi tal-gvern, u huwa dmirna li niżguraw li n-netwerk ta’ ċċarġjar jibqa’ miexi id f’id ma’ din il-bidla. Dan huwa biss l-ewwel pass, għandna aktar pjanijiet biex inkomplu nkabbru dan in-netwerk.”
Is-sewwieqa jistgħu jsibu l-punti ta’ ċċarġjar disponibbli permezz tal-applikazzjoni ‘ChargeMyRide’.
