Facebook Instagram

Malta tospita l-ewwel konferenza għall-pajjiżi Mediterranji dwar iż-żieda fil-livelli tal-baħar

September 25, 2025

Malta tospita l-ewwel konferenza għall-pajjiżi Mediterranji dwar iż-żieda fil-livelli tal-baħar

Rappreżentanti minn pajjiżi madwar il-Mediterran ingħaqdu f’Malta għall-ewwel laqgħa teknika dwar iż-żieda fil-livell tal-baħar fir-reġjun. B’kelliema minn diversi organizazzjonijiet, fosthom l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, l-IRENA u l-Bank Ewropew tal-Investiment, il-konferenza serviet biex kienet diskussa t-theddida taż-żieda fil-livelli tal-baħar kawża tat-Tibdil fil-Klima, kif ukoll kif jistgħu jittieħdu azzjonijiet konġunti biex tkun indirizzata din l-isfida.

Il-konferenza ddiskutiet is-sigurtà tal-ilma u l-ikel, l-enerġija, l-infrastruttura kritika, is-sostenibbiltà, u l-ekonomija blu, u kienet ukoll l-ewwel pass għal iktar kollaborazzjoni dwar is-suġġett.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l- Indafa Pubblika Dr Miriam Dalli appellat għal pjattaforma li tipprovdi strateġija tanġibbli biex ikun indirizzat it-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu. Meta tkelmet dwar il-ħtieġa ta’ pjan għar-reġjun Mediterran, il-Ministru Dalli ħeġġet lill-pajjiżi biex jaħdmu flimkien.

“L-ebda stat kostali ma jista’ joħloq waħdu s-soluzzjonijiet għal sfidi bħal dawn. Il-Mediterran huwa reġjun li qed jiffaċja diversi riskji u għalhekk is-soluzzjonijiet iridu jiġu żviluppati mill-pajjiżi flimkien biex nipproteġu lin-nies tagħna,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru emfasizzat li Malta qed tiżviluppa pjan nazzjonali ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, li jinvolvi s-sħab soċjali sa mill-bidu.

Inġ. Abigail Cutajar, Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority, ukoll emfasizzat li r-reżiljenza m’għandhiex titqies biss bħala kwistjoni nazzjonali. “Il-koordinazzjoni reġjonali hija kruċjali. Il-pajjiżi m’għandhomx sempliċiment jirreaġixxu f’iżolament iżda għandhom jaqsmu l-informazzjoni, ifasslu b’kollaborazzjoni l-protokolli ta’ emerġenza, u jipprevedu xenarji b’kollaborazzjoni. Sistemi ta’ twissija bikrija, konnessjonijiet aktar b’saħħithom, enerġija aktar nadifa, u fuq kollox, solidarjetà reġjonali mhumiex għażla; dawn jikkostitwixxu l-unika triq vijabbli ‘l quddiem,” iddikjarat l-Inġ. Cutajar. Hija emfasizzat li r-reżiljenza mhijiex biss dwar kif nilqgħu għad-diffikultajiet li jinqalgħu iżda wkoll dwar kif jiġu evitati.

Minn naħa tagħha, il-Prof. Simone Borg, Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Azzjoni dwar il-Klima u President tal-Kunsill Nazzjonali ta’ Azzjoni dwar il-Klima, qalet: “Permezz ta’ diskussjonijiet tekniċi u l-mod kif qed naqsmu l-esperjenzi, il-konferenza timmarka l-bidu ta’ proċess biex tinbena r-reżiljenza u jiġi mħares il-futur tal-Mediterran.”

Kien preżenti wkoll Grammenos Mastrojeni, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran. Meta rringrazzja lil Malta għall-inizjattiva, qal, “li nitrattaw iż-żieda fil-livell tal-baħar mhuwiex biss dwar il-protezzjoni tal-kosti; huwa dwar li nħarsu l-għajxien, li nindirizzaw id-diżugwaljanzi reġjonali, u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fuq il-fruntieri.”

Il-konferenza ‘Med Action Addressing Rising Seas’ kienet organizzata mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija, u Ndafa Pubblika u l-Climate Action Authority, b’kollaborazzjoni mal-Unjoni għall-Mediterran.

02 Newsletter

Join the way, and get
the latest updates.

Climate Action

Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.